top of page



Riforma fil-Kunsill Lokali
Proposta Moviment Soċjali Indipendenti ResidentiBeltin – 11/02/2010-2020 © (Digital & Published Rights)
Nemmnu li l-Kunsill għandu jinqeleb f’Awtorità.
01) Kull ftehim li sar sabiex tneħħew id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-Kunsill jiġu xolti; Tingħata lura s-sovranità/il-maġġoranza tal-kontroll fuq il-lokalità.
02) Ma neskludux li jkun hemm laqgħat pubblici ta' darba f'xahar fejn ir-residenti jiltaqghu ma kull membru tal-Kunsill taht saqaf wiehed.
03) Ma nistgħu qatt naċċettaw li l-Kunsill jibqa’ sieket jew li jġib skużi bħal li “ma jista’ jagħmel xejn” jew “li mhux fid-dmir tiegħu” jew li “ma kien jaf xejn”, minkejja li jkun jaf permezz tar-rapporti jew tat-telefonati mingħand ir-residenti iżda xorta ma jiħux azzjoni jew ma jkunx il-vuċi tar-residenti u jħallihom fil-għama mingħajr għarfien jew tweġibiet. Wara kollox, il-Kunsill u l-Membri kollha għandhom id-dmir lejn dawk li ġew eletti minnhom. Huma għandhom il-kuntatti neċessarji mad-Dipartimenti u mal-Entitajiet Pubbliċi rispettivi għad-dispożizzjoni tagħhom. Ir-residenti qed jiġu mgħoddija minn għajn il-labra. Għalhekk nipproponu u nimplimentaw “Memorandum ta’ Ftehim” (“Memorandum of Understanding”) bejn il-Kunsill u kull Entità Governattiva li tkun kommessa għat-trasparenza assoluta.
04) Mhux sigriet li l-Kunsilli Lokali tneħħew mis-setgħat sħaħ tagħhom miż-żewġ partiti politiċi ewlenin, u filwaqt li wieħed qed iwaħħal fl-ieħor, ħadd minnhom m’għamel is-sewwa li jirretifika dan waqt li wieħed kien fil-Poter tal-Gvern. Nirrifjutaw li jkollna l-Kunsill Lokali biex jintuża bħala ballun politiku jew li jintużaw ir-residenti bħala vantaġġ politiku għaż-żewġ partiti politiċi ewlenin. Il-Kunsill għandu jingħata lura liċ-ċittadin.
05) Kull permess li jiġi approvat jiġi mtella’ fuq is-sit u l-paġna ta’ Facebook tal-Kunsill. B’hekk ikun hemm trasparenza assoluta, u r-resident ikun jaf meta għandu jirrapporta fejn jaħseb li hemm ksur ta’ liġi, u tgħinu aktar biex ikun jista’ joġġezzjona fejn jidhirlu hu.
06) Ebda ċittadin ma twieled bil-ktieb tal-liġi f’idejh. Minn dejjem konna konxji li l-abbuż sistematiku ġej minn nuqqas ta’ trasparenza u nuqqas ta’ informazzjoni. Għalhekk se naħdmu biex il-liġijiet relatati mal-lokalità jkunu ppubblikati u aċċessibbli permezz tas-sit u l-pjattaformi tal-Kunsill.
07) Kunsill Lokali ġdid taħt it-tmexxija tagħna joħloq preċedent biex kandidati indipendenti u l-partiti indipendenti jingħataw il-libertà fi kwalunkwe elezzjoni mingħajr ma jkunu taħt skrutinju, dittatorjat jew ostaġġi taż-żewġ partiti politiċi ewlenin. Dan b’referenza għal-liġi li dawn iż-żewġ partiti politiċi approvaw biex iċaħħdu t-titlu bil-vot ta’ maġġoranza lill-Kandidati Indipendenti, ixekklu l-ħidma tagħhom, jiċħdu l-espressjoni u l-fehmiet tagħhom fil-libertà politika fil-lokalità u l-pajjiż. It-tneħħija ta’ din il-liġi se tagħti liċ-ċittadini kull appoġġ fuq suġġetti vitali għalihom li l-ebda naħa ma trid tindirizza u ma jridux li jiġu solvuti. Dan id-digriet ta’ liġi jmur kontra l-kostituzzjoni u kontra kull dritt tal-pajjiż u taċ-ċittadini tiegħu.
08) F’każ ta’ għajnuna lir-residenti ta’ età avvanzata li jinsabu waħedhom mingħajr qraba, mingħajr assistenza jew problemi ta’ mobbiltà, ikun hemm il-Kunsill li jista’ jkun ta’ persuna intermedjarja mad-Dipartimenti tal-Gvern.
09) Filwaqt li nsostnu li aħna bħala partit, nagħtu sapport biex inkunu favur il-kummerċ bilanċjat, nemmnu li l-Kunsill u kull membru ma jkollu ebda preferenzi favorevoli għas-settur privat; hekk jiġi evitat il-konflitt ta’ interess personali. Isservi biss jekk ikun hemm xi oġġezzjoni mill-Kunsill jew mir-Residenti fejn dan għandu jiġi indirizzat, diskuss u azzjoni tiġi meħuda b’mod effettiv u immedjat. Wara kollox hemm il-Kamra tal-Kummerċ u l-Ministru tal-Ekonomija, filwaqt li llum il-ġurnata lanqas il-Kunsill ma baqa’ tar-residenti. F’każ ta’ laqgħat mitluba mis-setturi jew minn entitajiet privati, dawn il-laqgħat ikunu aċċessibbli għall-pubbliku mis-sit tal-Kunsill permezz ta’ xandiriet diretti u rrekordjati, kif ukoll jitniżżlu bħala minuti għal aktar infurzar tat-trasparenza. Minn hemm, il-Kunsill jimxi skont ir-rieda tar-residenti.
10) Naħdmu biex tiġi mfassla skema ta’ kumpens mill-Istat/Kunsill/Settur Privat f’każ ta’ inkonvenjent lejn ir-residenti u f’każ ta’ xogħol f’ħinijiet jew f’sitwazzjonijiet irregolari persistenti.
11) Il-Kunsill jimpjega membru biex jagħmel spezzjonijiet għal kull attività illegali. Jaħtru wkoll biex jirrapporta manutenzjoni li jkun hemm bżonn kull ġimgħa.
12) ‘Reports & Claims Division’ – Customer care 24/7 f’każ ta’ rapporti, ilmenti jew diffikultà permezz tat-telefown, indirizz elettroniku jew sit elettroniku ġdid tal-Kunsill.
13) Qatt ma nistgħu naċċettaw li l-Kunsill Lokali jżomm id-distanza tiegħu, ma jirrispondix l-emails, ineħħi l-Facebook Messenger, joħloq burokraziji żejda fuq ir-residenti tiegħu – hekk kif ġieli ġara. Għalhekk, sabiex il-Kunsill Lokali jkun verament viċin ir-residenti, se nirritornaw lura dawn il-pjattaformi, kif ukoll nerġgħu nipproponu biex sa fl-aħħar tiġi implimentata l-Mobile App li se tiġi pprovduta esklussivament lil kull resident tal-Belt Valletta.
14) Sezzjoni f’din il-Mobile App se tkun riservata għall-każijiet u l-prevenzjoni kontra attakki ta’ vjolenza fit-toroq; kull tfajla jew mara tkun tista’ tagħti aċċess għal-lokazzjoni tagħha skont fejn jintbagħat is-sinjal lill-għassa tal-pulizija permezz ta’ live location. Barra minn hekk se jinħoloq ukoll numru tal-SMS għal dawk li ma jkollhomx servizz tal-internet fil-mobile. Minn hemm jirċievu telefonata minn aġent tal-pulizija u f’konverżazzjoni amikevoli tkun tista’ twassallu d-dettalji neċessarji. Iż-żewġ soluzzjonijiet jistgħu jintużaw ukoll f’każijiet ta’ vjolenza domestika. L-ideat u s-suġġerimenti ma jiqfux hawn iżda jiġu mfasslin iktar strateġiji permezz ta’ laqgħat.
15) Il-Kunsill Lokali jkollu awtorità kompluta sabiex ifassal linji gwida u liġijiet kontra l-istorbju eċċessiv f’kull attività, kemm f’dawk kummerċjali, kif ukoll f’kull attività ġenerali.
16) Il-Kunsill Lokali, bħal kwalunkwe entità oħra, għandu rwol importanti biex jaqdi u jservi l-ġid komuni taċ-ċittadini, tar-residenti u tal-viżitaturi mingħajr ebda kunflitt ta’ interess ieħor. Il-Kunsill Lokali għandu jaħdem biex joħloq u jiżgura żoni pedonali siguri u aċċessibbli, ħielsa minn kull ostaklu. Dawn jiżguraw il-benessri u l-konvenjenza ta’ kulħadd fil-komunità fejn verament jintlaħaq bilanċ b’sens ċivili.
17) Fl-istess ħin, huwa essenzjali li l-Kunsilli Lokali jqis u jindirizza l-ħtiġijiet ta’ membri differenti tal-komunità. Dan jinkludi volontiera tal-għajnuna għall-annimali, għaqdiet diversi, dilettanti tal-festi, dilettanti sportivi, u ħafna gruppi oħra. L-ibbilanċjar ta’ dawn il-ħtiġijiet jeħtieġ relazzjoni kontinwa u approċċ komprensiv li jqis l-interessi tal-partijiet interessati kollha. Kanali ta’ komunikazzjoni miftuħa bejn il-Kunsill u l-membri tal-komunità huma kruċjali biex jiġi indirizzat it-tħassib u jinstabu soluzzjonijiet li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ kulħadd. Il-kollaborazzjoni u l-koperazzjoni jrawmu sens ta’ etika u responsabbiltà kondiviża li jwasslu għal komunità aktar armonjuża u inklussiva.
18) Il-Kunsill iwiegħed impenn lejn il-membri tal-komunità. Jikkommetti ruħu li jagħmel stħarriġ u jaħdem biex jikseb feedback minn gruppi differenti biex b’hekk jiġu stabbiliti l-bżonnijiet u x-xewqat tar-residenti. Imbagħad jistgħu jaħdmu lejn il-ħolqien ta’ spazji inklussivi li jakkomodaw diversi attivitajiet u interessi filwaqt li jonoraw is-sigurtà u l-aċċessibbiltà. Il-Kunsill iwiegħed ukoll li jkun hemm sabiex jipproteġi l-identita, it-tradizzjonijiet u l-użanzi tal-Beltin bħall-avvenimenti reliġjużi.
19) Huwa importanti li l-Kunsilli lokali jirrevedu u jaġġornaw b’mod regolari l-infrastruttura tagħhom biex jadattaw għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu u l-ħtiġijiet emerġenti. Dan jiżgura li jibqgħu jirreaġixxu għar-rekwiżiti li qed jevolvu tal-komunitajiet rispettivi tagħhom fosthom dik ta' inklużjoni tal-lingwi w interpreti tal-lingwa tas-sinjali. F’kull aspett tal-Kunsill, ikun hemm inkluż servizz għal persuni neqsin mis-smigħ u d-dawl. B’hekk il-Kunsill ikun wieħed inklussiv. Fost proposti oħrajn, il-Kunsill ikun kommess sabiex jipprovdi sistema għall-persuni niqsin mid-dawl li tkun faċilment aċċessibbli. B’din is-sistema, dawn il-persuni jiġu nnotifikati b’xi bidliet ta’ toroq, u passaġġi kkawżati minn xi avvenimenti ġewwa l-lokalità.
20) L-Għaqdiet tal-Komunità (dawk Sportivi, Reliġjużi, Non-Governattivi, Soċjali) għandhom jingħataw l-għajnuna neċessarja permezz sa biex jevitaw is-sistema burokratika li bħala għaqdiet volontarji jsibu quddiem wiċċhom - dan jista' jsir billi l-Kunsill jidħol għalihom bħala applikatur bl-għajnuna tal-aspetti legali via l-assistent legali li kull Kunsill Lokali għandu għad-dispożizzjoni tahom. Inkluż il-fatt li l-Kunsill għandu jagħmel dak kollu bħala parti taħt il-Governanza Lokali sa biex kull għaqda komunitarja tiġi allokata f'binja pubblika.
*Kull proposta tiġi ssolidifikata u mtejba la darba l-Kunsill, taħt it-tmexxija tagħna, isejjaħ laqgħat pubbliċi mar-residenti.
bottom of page